Pentekoste 2024

7:30pm
Mixja bis-simboli

7:40pm
Introduzzjoni

7:50pm
Xhieda

8:10pm
Katekeżi minn Dun Paul Sciberras

8:30pm
Adorazzjoni Ewkaristika

9:00pm
Talb lill-Ispirtu s-Santu

9:20pm
Messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna

9:30pm
Għeluq

Il-Knisja f’Malta tistieden lill-Kattoliċi kollha f’Malta sabiex jinġabru flimkien għal ċelebrazzjoni djoċesana lejlet il-festa tal-Għid il-Ħamsin, nhar is-Sibt, 18 ta’ Mejju 2024, fil-Knisja Parrokkjali tal-Furjana fis-7:30pm.

L-istedina ta’ din is-sena hi mnebbha mill-Atti tal-Appostli: “U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.”

Iċ-ċelebrazzjoni djoċesana se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna u se jkun hemm mument ta’ talb u katekeżi minn Dun Paul Sciberras. Tliet persuni se jkunu qed jaqsmu l-esperjenza tal-fidi tagħhom, fosthom persuna li se titkellem dwar l-esperjenza missjunarja tagħha u kif wasslet il-Bxara t-Tajba f’art imbegħda.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni se jintlaħaq bl-adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija u t-talb lill-Ispirtu s-Santu minn għaqdiet u movimenti Nsara.

Fil-festa tal-Għid il-Ħamsin, il-Knisja tfakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u l-bidu tal-ħajja tal-Knisja, hekk kif id-dixxipli bdew ixandru l-Bxara t-Tajba mad-dinja kollha.

7 esperjenzi dwar il-fidi Kattolika

Ispirat mid-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali pprepara sensiela ta’ 7 testimonjanzi.

Permezz ta’ dawn il-filmati, niltaqgħu ma’ individwi minn sfondi differenti — pajjiżi, kulturi u lingwi differenti — li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom tal-fidi Kattolika u tal-Ispirtu s-Santu. Kull filmat jispiċċa b’talb bil-lingwa materna tal-persuna.

Għalkemm ilkoll nitkellmu lingwi differenti u nosservaw riti differenti, aħna lkoll parti minn Knisja Waħda, Qaddisa, Kattolika u Appostolika.

Ara l-esperjenzi

Iltaqa’ ma’ Ana Maria Quintero López, mill-Kolumbja. Fl-2017, Ana Maria ġiet Malta biex titgħallem l-Ingliż u spiċċat biex sabet l-imħabba ta’ ħajjitha, illum ir-raġel tagħha. Ana Maria tgħid li Malta hi d-dar il-ġdida tagħha.

Iltaqa’ ma’ Alessandro u Valentina Scafidi li ddeċidew li jiġu jgħixu Malta bit-tama li jsibu post ġdid li jistgħu jsejħu ‘d-dar’. Ara x-xhieda ta’ din il-koppja dwar kif tħoss il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum.

Iltaqa’ ma’ Sam Thomas Alex mill-Indja. Kien wisq kuntent meta feġġet l-opportunità li jiġi jaħdem f’Malta, l-art fejn San Pawl kien nawfragat. Issa li jaħdem bħala infermier f’St Martin’s College, u jmexxi l-fergħa tal-Imsida tal-komunità ta’ St Thomas Syro-Malabar f’ Malta, għadu affaxxinat bil-knejjes li nsibu f’ kull rokna tal-gżira.

Iltaqa’ ma’ Joseph Keleta mill-Eritrea u Deborah Keleta minn Malta. Koppja li tkellmet dwar kif il-fidi għenithom jegħlbu l-isfidi tal-ħajja.

Iltaqa’ ma’ Pappàs Martin Zammit mill-Belt Valletta. Huwa miżżewweġ b’żewġt itfal u nannu ta’ tlieta. Fr Martin jghallem l-Għarbi u lingwi Semitiċi fl-Università ta’ Malta. Hu wkoll il-kappillan tal-Parroċċa Maltija Griega-Kattolika.

Iltaqa’ ma’ Robert Farrugia. “Il-bniedem għatxan għall-imħabba fis-sens usa. Ilkoll nixtiequ nħossuna maħbubin. Fl-imħabba nsibu l-fejqan, il-paċi u l-mistrieħ. Din l-imħabba ngħixuha f’esperjenzi differenti, kemm jekk hija romantika, kemm jekk hija ħbiberija imma l-aktar interjuri. Huwa hemmhekk li nesperjenzaw tip differenti ta’ relazzjoni, teżor veru, is-sors xieraq tal-imħabba spiritwali.”

Iltaqa’ ma’ Sr Mimosa mill-Albanija, Sr Maria minn Spanja u Sr Luigina mill-Italja, li ġew Malta bit-tama li joħolqu atmosfera ta’ familja, fejn żgħażagħ bi sfondi differenti jiltaqgħu u jikbru fil-valuri Nsara.